Prometju l-Ħali - (Alex Vella Gera)
Qari ta' Mark Vella
... u ma flaħtx iktar
interraq madwar
is-soltu nar
li ħsibt
li ksibt
fil-linji rqaq
tat-toroq u s-sqaq barranin -
u xufftejn ma’ widnejn
gerrmu kelmtejn:
"Dak hu dak it-tali,
dak hu Prometju l-Ħali,
dak hu dak
li ġie lura
inaqqar il-frak
u jaħbi l-ħmura
mit-tbenġil
tad-daqqiet tas-skiet".
... u xi ħsibt
li se ssib
met’erġajt qrib
il-qraba u tfulitek?
L-għadam ta’ ħajtek?
Leħen missierek
isaħħanlek widintek?
"Kantuniera
minn fejn tidher farka baħar,
sa biex ninsa,
sa biex niftakar ..."
u xufftejn ma’ widnejn
igerrmu kelmtejn:
"Dak hu dak it-tali,
dak hu Prometju l-Ħali,
dak hu dak
li jomgħod il-frak
li waqgħu mill-bniedem li kien".
Kummenti: 0
Ħalli kumment
<< Lura għall-paġna ewlenija