Il-kejl - (Mario Vella)
Qari ta' Norbert Bugeja
Minn tuli mimdud, fuq żaqqi nitmiegħek
għal ġisem li b’jedd kellu jkun midfun f’sodda miegħi
taħt dawn il-kutri tqal xi minn daqqiet immattar minkbejja
li laħqu draw l-irdoss ta’ kuxxtejk marbutin ma’ riġlejja
l-irqad li qatt ma jasal pront wara t-titwiba
ma niftakarx jekk kinux erbgħin sebgħin jew mija
in-nemex fuq imnieħrek żgħir inkaljat bejn żewġt ikwiekeb
li d-dija tagħhom m’erġajtx rajt mindu r-riħ ġarr il-weraq jitriegħed
il-ħoss tal-kitla fuq in-nar ma’ sbieħ il-jum m’għadux jidwi fil-kċina
fuq siġġu l-flokk u qalziet li ħallejt warajk għadhom mitwija
spiċċa l-pjaċir ta’ skuża mbenġla wara t-tmasħin
issa li ftakart li l-qomos bojod imorru fil-kexxun t’isfel
issa li nifhem il-bżonn ta’ sħun u kiesaħ sabiex jiġik fietel
l-ashtray li ma titbattalx qabel timtela sa ruħ missierha
is-sidin li mniżżel insejt kull meta fdajtlek il-Fiat
in-noti li għal kull xejn kont twaħħal mal-bieb tal-friża
subgħajk li bilfors ridt taqta’ sabiex tuża sikkina
il-vizzji kollha li bihom kont togħxa timpikani
wieħed wieħed inberikhom u nsejħilhom lura fi ħdani
ta’ warajk ħerqana offrew dak li int ma ridtx twiegħed
u ħadtilhom ritratt hekk kif bil-mod rawni nitbiegħed
bħali lkoll ħallsu mingħajr qatt ma raw bqija
għax l-ebda qies ma kien preċiż daqs il-kejl tiegħek
Kummenti: 1
Fi trejqet l-imhabba kullhadd isib riga. Rigi qarsa, helwin jew morri; izda kulhadd, kulhadd ikollu riga ghalih, ghax hadd ma jista' juza ta' haddiehor. Bhal xkupilja tas-snien wara kollox.
Il-kejl ta' Marju huwa reali, w jibqa' dejjem fattwali. Ta' l-ostja Marju!
Ħalli kumment
<< Lura għall-paġna ewlenija